Introduzzjoni

  • Isem: Joseph Debattista
  • Etá: Erbgħa u sittin sena
  • Passatempi: Qari, futbol u inġemmgħa l-bolol
  • Ikel favorit: Ħut

 

Insiru nafu aktar lil Joseph Debattista

X’inhu l-livell tal-edukazzjoni tiegħek?

Il-livell ta’ edukazzjoni hija dik terzjarja fejn attendejt l-Universita ta’ Malta fejn segwejt l-kors ta’ diploma fix-xogħol tal-librerija DLIS (Diploma in Library and Information Service)

X’qed taqra bħalissa?

Bħalissa qiegħed naqra ktieb bl-ingliż li jismu ‘Honour Among Thieves’ miktub minn Jeffrey Archer li huwa l-awtur favorit tiegħi.

Semmili l-iktar ktieb favoriti tiegħek?

L-iktar ktieb favorit huwa ‘Taht Tliet Saltniet’ li huwa miktub mill-mibki Profs. Ġuże’ Aquilina. Dan il-ktieb ħalla impatt qawwi fuqi meta qrajtu u kont ħafna iżgħar fl-eta’ speċjalment bid-diskrizzjoni qawwija li joħroġ biha l-awtur. L-istorja t tpinġi kwadru ġenwin ta’ dak kollu li kien qed jiġri fi żmien il-Kavallieri, Franciżi u l-Ingliżi u l-imħabba żgħażugħa ta’ bejn iben baronissa u tfajla bidwija u d-diffikultajiet li  raw matul dak iż-żmien fejn kienet tippredominmna d-differenza bejn il-klassi tan-nies.

Kif bdiet il-ħajra tiegħek fil-qasam tal-qari?

Il-ħajra għall-qari bdiet ta’ eta’ żgħira meta kien jattendi l-iskola Primarja ta’ Birżebbuġa; l-iskola l-ħamra ta’ ħdejn il-Klariġ. Dak iż-żmien kont naqra’ l-kotba tal-iskola iżda ġurnata fost l-oħrajn kont qiegħed għand iz-zija tiegħi u qbadt gazzetta u ħadt pjaċir li rnexxieli naqra biċċa sewwa minnha. Minn dak in-nhar qatt ma’ ħarist lura.

Iddiskrivilna ġurnata tipika tiegħek.

Nibda l-ġurnata billi kmieni filgħodu ngħamel mixja ta’ nofs siegħa mad-dawra tal-kosta imbgħad kif jasal lura d-dar ngħamel sett ta’ eżerċizzji fiżiċi u naturalment wara ġirja għad-doxxa.
Imbgħad immur nisma l-quddiesa tas-sebgħa ta’ filgħodu u wara nitlaq lejn il-Librerija Pubblika Ċentrali fejn ngħamel xogħol konness mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għax bħalissa qiegħed Segretarju ta’ dan il-Kunsill u ukoll qiegħed hemm biex ngħin lil dawk li jmexxu l-Librerija. Dan ix-xogħol ngħamlu xi tliet darbiet fil-ġimgħa. L-Erbgħa u s-Sibt filgħodu l-hena tiegħi li inservi fil-Librerija tal-Fergħa ta’ Birżebbuġa fejn ikun jista’ jassisti man-nies li ħafna minnhom jiffrekwentaw il-librerija ta’ Birżebbuga bl-aħjar mod possibbli.

 

Mill-lenti ta’ Librar …

X’inhi l-iktar parti ta’ sodisfazzjon fix-xogħol tiegħek u l-iktar parti diffiċli?

L-iktar parti ta’ sodisfazzjon ghalija hija dik meta lill-klijent naqdih f’dak li jkun jixtieq u l-aktar parti diffiċli hi meta ma jkollix il-materjal mitlub u b’xi mod jew ieħor ikun irrid jipprokurah minn libreriji oħra lill-klijent.

Kif tinkoraġġixxi lill-qarrejja biex ikomplu jaqraw u kif nistgħu inħajjru membri ġodda biex jibdew jagħmlu użu mill-librerija pubblika?

Tinkoraġġixxi lill-qarrejja biex ikomplu jaqraw billi tipprovdilhom kotba li jixtiequ huma filwaqt li jħajjar membri ġodda billi l-librerija tagħmilha ħajja fejn anke’ naħdem qrib ħafna mas-Surmast tal-iskola flimkien ma’ l-għalliema. Nħajjarhom jorganizzaw sezzjonijiet ta’ Story Telling u tinħoloq skeda fejn l-istudent flimkien mal-għalliema jżuru l-librerija darba jew darbtejn fil-ġimgħa. Tajjeb ukoll li jinżamm kuntatt mal-pubbliku u l-għalliema fix-xelta ta’ kotba ġodda.  

Kemm huma l-membri attivi fil-librerija tar-raħal tagħna?

Fir-raħal ta’ Birżebbuġa hemm aktar minn 70% tan-nies li jiffrekwentaw  fil-Fergħa ta’ Birzebbuga. In-numri qed jiżdiedu b’uċuħ ġodda li qed jidħlu membri. Barra minn dawn qed jiġu nies barra mir-raħal li jsibu materjal importanti fil-librerija tagħna li f’libreriji oħra ma jsibux. Hawn qiegħed nirreferi għal materjal ta’ riċerka f’kotba ‘out of print’.

Taħseb li l-kotba elektroniċi ħadu post il-kotba tradizzjonali

S’issa nista’ ngħid li l-kotba elettroniċi ma ħadux post il-ktieb tradizzjonali anzi pjuttost ngħid li dawn aktar qed jikkumplimentaw. Il-kotba elettroniċi huma forma oħra ta’ media li tħajjar lit-tfal għal qari. Dan l-aħħar fil-pajjiżi Skandinavi sabu li l-kotba elettroniċi kienu ħafna fid-domanda għal matul xahar, issa donnu n-nies qed imorru jerġgħu għal ktieb.

Kemm hu faċli li l-qarrej isib il-ktieb li jixtieq fil-librerija pubblika?

Peress li l-Librerija Fergħa ta’ Birżebbuġa hija waħda kompjuterizzata u qegħda integrata mal-libreriji kollha ta’ Malta u Għawdex huwa faċli ħafna li ssib ktieb mill-ewwel permezz tal-katalgu elettroniku. Illum permezz ta’ dan il-katalgu persuna tista’ tiskopri fejn jinsab il-ktieb u tkun taf jekk hux qiegħed misluf jew ġewwa l-librerija biex joħroġ għas-self. Jista’ ukoll klijent jirriserva ktieb jew kotba li jrid jew iġedded il-ktieb jew kotba mislufa għandu jew għandha mill-kumdita’ tad-dar tiegħu.

Informazzjoni fuq il-Librerija ta’ Birżebbuġa

Kif jistaw membri ġodda jingħaqdu mal-librerija pubblika?

Membri ġodda jistgħu jidħlu membri billi jimlew applikazzjoni u tingħata lilhom dak il-ħin il-card tas-sħubija fejn jistgħu imbgħad jisselfu minn wieħed sa erba’ kotba. Dan huwa servizz ta’ one-stop-shop.

Hemm xi ħlas/miżata għal membri ġodda?

M’heem l-ebda ħlas għas-servizz kollu li jingħata.

X’inhuma l-ħinijiet tal-librerija?

Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Librerija  Fergħa ta’ Birżebbuġa huma hekk:
L-Erbgħa mid-9.00 ta’ filgħodu sa nofsinhar u mill-5.00 sas-7.00 ta’ filgħaxija.
Is-Sibt mid-9.00 ta’ filgħou sa nofsinhar.

Info

Address:

-

Telephone:

-

Email:

-

Web:

-